Nidħlu fi żmien il-poliglotti
Li tikseb firxa ta’ lingwi differenti hija aktar faċli milli taħseb, jikteb Neil Madden
Kieku xi ħadd kellu jgħidlek “flisni me mua”, tkun taf xi tfisser, jew b’liema lingwa jkun qed jitkellem? B’madwar 225 lingwa indiġena, il-wirt lingwistiku tal-Ewropa huwa għani u divers; fatt li għandu jiġi ċċelebrat. Iżda l-Ewropej kemm huma tajbin biex jitgħallmu l-lingwi tal-ġirien qrib (u mhux daqstant qrib) tagħhom? Ħafna Ewropej jistgħu jaħsbu li mod ta’ ħajja monolingwi huwa n-norma. Iżda bejn nofs u żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja hija bilingwi sa ċertu punt, u numru sinifikanti huma “multilingwi”, jiġifieri, għandhom xi livell ta’ kompetenza f’firxa ta’ lingwi (fehim, u/jew kitba, u/jew jitkellmu, eċċ.).
Il-multilingwiżmu huwa ħafna aktar il-kundizzjoni normali tal-bniedem milli l-monolingwiżmu. Hemm miljuni ta’ nies li jaħsbu li ma jafux lingwa oħra għajr il-lingwa materna tagħhom; madankollu, ħafna minnhom jafu xi livell ta’ lingwa oħra. Iżda l-opportunitajiet biex titgħallem lingwa ġdida llum huma akbar minn qatt qabel.
Biex jenfasizza l-valur tat-tagħlim tal-lingwi, il-Kunsill tal-Ewropa waqqaf il-Jum Ewropew tal-Lingwi (LDE), li jiġi ċċelebrat kull sena fis-26 ta’ Settembru. L-idea wara l-JEL hija li jħeġġeġ il-multilingwiżmu. Din mhijiex xi ħaġa ġdida jew ta’ barra minn hawn. Huwa fatt tal-ħajja ta’ kuljum fost ħafna popli fl-Afrika u fl-Asja, u huwa n-norma f’partijiet tal-Ewropa, b’mod partikolari l-Benelux u l-Iskandinavja, kif ukoll madwar il-Mediterran. U dan ma jfissirx li rridu nġiegħlu lin-nies jaħsbu li se jkollhom jaspiraw biex jaslu għal-livell ta’ “kelliem nattiv”. L-għan huwa li tkun tista’ tikkomunika, u li tinftiehem, skont il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tiegħek. Ma jidhirx li l-firxa internazzjonali tal-Ingliż tista’ tiġi mrażżna, u l-istħarriġ li jsir jagħti l-impressjoni li għall-akbar għadd ta’ dawk li qed jitgħallmu lingwa hija prijorità li jiksbu xi livell ta’ Ingliż (wieħed minn kull tlieta jgħidu li jistgħu jitkellmu bih, skont l-Ewrobarometru).
Madankollu, ladarba dan jinkiseb, m’hemm l-ebda raġuni għala tieqaf bl-Ingliż biss. Ħafna lingwi oħra wkoll huma għodod siewja biex tieħu l-aħjar li tista’ mill-esperjenzi tal-ħajja, sew hux għax-xogħol jew inkella għall-ivvjaġġar. Waħda mill-ironiji ta’ dinja globalizzata hija li l-valur marġinali tal-Ingliż jista’ jonqos. Issa li aktar u aktar nies qed jaħkmu dik li hija l-lingwa franka tal-lum, dak li se jagħmel differenza hija l-abbiltà li titkellem lingwi addizzjonali. Fid-dinja tax-xogħol u tal-edukazzjoni, il-kelliema nattivi tal-Ingliż se jkollhom jikkompetu ma’ nies li diġà għandhom il-lingwa nattiva tagħhom, flimkien mal-Ingliż u, kulma jmur, għarfien raġonevoli tat-tielet u r-raba’ lingwa wkoll. U l-kapaċità lingwistika għandha aktar minn benefiċċji ekonomiċi. Hija tħeġġiġna biex ninfetħu aktar għal ħaddieħor, għall-kulturi u l-attitudnijiet tagħhom, kif ukoll tippromwovi aktar flessibbiltà mentali billi tippermettilna noperaw sistemi differenti ta’ rappreżentazzjoni u flessibbiltà tal-perspettiva. M’għandniex nissottovalutaw il-valur tat-tagħlim tal-lingwi biex insiru nafu aħjar in-nies, il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżi oħrajn. In-nies li jistgħu jikkomunikaw b’kunfidenza ma’ nies minn kulturi oħrajn aktarx li jkunu aktar tolleranti. U ftakar, li li tkun monolingwi tfisser li tkun tiddependi fuq il-kompetenza lingwistika, u r-rieda tajba, ta’ ħaddieħor. Li titgħallem tuża lingwa oħra ma tfissirx biss li tkun ksibt ħila utli – tirrifletti attitudni ta’ rispett għall-identità u l-kultura ta’ ħaddieħor, u t-tolleranza għad-diversità.
Il-Kunsill tal-Ewropa kien l-ewwel li għamel programm biex jippermetti lin-nies jevalwaw il-livell ta’ profiċjenza tagħhom f’lingwa barranija. Il-proġett tal-Portafoll Ewropew tal-Lingwi għandu l-għan li jimmotiva lil dawk li jitgħallmu l-lingwi billi jirrikonoxxi l-isforzi tagħhom biex jestendu u jiddiversifikaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom fil-livelli kollha, u li jipprovdi rekord tal-ħiliet li jkunu kisbu li jista’ jiġi kkonsultat meta, pereżempju, ikunu se jitilgħu għal livell ogħla ta’ tagħlim jew ifittxu impjieg f’pajjiżhom jew barra minnu. Abbażi ta’ sistema ta’ grilja, dawk li jitgħallmu l-lingwi jistgħu jivvalutaw il-ħiliet tagħhom – il-fehim, il-qari, id-diskors, u l-kitba, u jagħtu marka lil dawn skont sitt livelli Ewropej. Dawn l-istandards ġew adottati mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni ewlenin fl-Ewropa, minn ħafna Stati Membri u mill-UE, b’mod partikolari bħala parti mill-iskema Europass tagħha, sistema mfassla biex tagħmel il-kapaċitajiet individwali aktar trasparenti u komparabbli fl-Istati Membri kollha. Wieħed mill-pilastri ċentrali tal-Jum Ewropew tal-Lingwi huwa li tissaħħaħ l-idea tat-tagħlim tal-lingwi bħala proċess tul il-ħajja. Ħafna adulti mingħalihom li wara jkunu li tilfu (jew saħansitra ħlew) l-opportunità li jiksbu lingwa ġdida matul is-snin ta’ edukazzjoni formali tagħhom, issa huwa tard wisq biex dan il-proċess jinbeda mill-ġdid. Mhuwiex. Madwar l-Ewropa kollha, huma disponibbli lezzjonijiet, programmi u tekniki (minn kotba għal CD-ROMs) biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi. Dak li spiss ikun nieqes huwa l-motivazzjoni personali biex jingħeleb il-‘fattur tal-biża’ mil-lingwi’. Ħafna nies jiżviluppaw il-ħiliet lingwistiċi tagħhom wara li jitilqu mill-iskola jew mill-università. Dan mhuwiex tant sorprendenti: it-tagħlim tal-lingwi l-iskola spiss jitqies bħala obbligu minflok opportunità. Huwa biss meta nibdew nesploraw id-dinja ta’ barra, sew hux għax-xogħol inkella għad-divertiment, li nibdew napprezzaw il-valur ta’ lingwi oħra. U għal naqra kuraġġ, isir ma titgħallem lingwi, aktar isir faċli li titgħallem lingwa addizzjonali. Allura ladarba tkun għelibt l-ewwel ostaklu, u tkun trid tipprova l-Ungeriż, jew il-Kantoniż, ħu l-qabża.
Jekk trid tiżviluppa l-ħiliet lingwistiċi tiegħek, u ssir taf aktar dwar il-Jum Ewropew tal-Lingwi, is-siti web li ġejjin joffru informazzjoni utli:
Inċidentalment, it-tweġiba għall-mistoqsija tal-ftuħ hija “kellimni”, bl-Albaniż.
Neil Madden huwa ġurnalist indipendenti li jgħix Strasburgu