Min jista’ jipparteċipa?


KULĦADD jista’ jinvolvi ruħu b’xi mod fil-Jum Ewropew tal-Lingwi!

Sew jekk bħala individwu jew fi grupp, fi ħdan organizzazzjoni (skola jew għaqda) jew inkella bejn il-ħbieb, il-persuni ta’ kull età jistgħu jinvolvu ruħhom fil-Jum. Inti wkoll tista’ tikkontribwixxi għas-suċċess tal-JEl - sew billi tieħu sehem fl-attivitajiet organizzati jew inkella billi tingħaqad ma’ ħaddieħor u torganizza xi attivitajiet (tinsiex iddaħħal id-dettalji tal-attività fil-kalendarju tal-JEL). Dawn huma xi possibbiltajiet:

STUDENTI: Sabiex jitgħallmu aktar dwar id-diversità lingwistika, l-istudenti jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet divertenti tagħna online. Permezz tal-logħob u l-kwiżżijiet tagħna tista’ tesperjenza ftit il-lingwi varji li għandna fl-Ewropa. Jekk tħobb il-mużika, għala ma torganizzax attività mużikali biex tippromwovi l-lingwi u l-ġeneri mużikali varji fl-Ewropa? Tista’ wkoll turi dawn il-wirjiet mal-oħrajn permezz tas-sit web tagħna.

GĦALLIEMA: Għall-għalliema tal-lingwi jew, tabilħaqq, ta’ suġġetti oħra, il-Jum joffri bosta possibbiltajiet: l-opportunità li titgħallem dwar kulturi, tradizzjonijiet u lingwi oħra li normalment mhumiex ippreżentati fil-klassi; l-opportunità li tippromwovi t-talenti kreattivi tal-istudenti billi ttella’ sketches li juru l-lingwi li jafu jitkellmu, ittella’ xi sketches li juru l-lingwi li jafu jitkellmu, jiġu organizzati każini tal-lingwi, jiġu sottolinjati l-lingwi mitkellma fl-iskola...

UNIVERSITAJIET/SKEJJEL: Il-Jum Ewropew tal-Lingwi huwa opportunità tajba biex tara l-università/skola u l-belt tal-madwar bħala post fejn in-nies minn sfondi differenti jiltaqgħu, jgħixu u jinteraġixxu u fejn il-lingwi jiffjorixxu. Għaliex ma twaqqafx gruppi ta’ diskussjoni bejn persuni minn sfondi lingwistiċi differenti? In-networks soċjali online huma mod tajjeb biex tiġi ġġenerata interazzjoni bħal din u tista’ wkoll tibda ssegwi l-paġna tal-Jum Ewropew tal-Lingwi fuq Facebook. Universitajiet jew skejjel fil-fruntieri ma’ pajjiżi oħra jistgħu jorganizzaw vjaġġi biex jiltaqgħu ma’ studenti min-naħa l-oħra tal-fruntiera. L-iskejjel jistgħu wkoll jorganizzaw kompetizzjonijiet għall-istudenti tagħhom li jiffukaw fuq il-kisba u t-titjib tal-ħiliet lingwistiċi.

Fil-verità, KULĦADD jista’ jinvolvi ruħu fil-Jum Ewropew tal-Lingwi, anke jekk kulma tagħmel huwa li tistieden lil xi ġirien minn kulturi oħra għat-te jew iżżejjen id-dar bil-posters u l-istikers tal-Jum Ewropew tal-Lingwi. Mhux se ssir poliglotta f’ġurnata waħda, iżda aktarx se twessa’ l-orizzonti tiegħek u tista’ tgħid li żgur tkun esperjenza li fiha tieħu gost u li tagħnik.