X’inhu l-Jum Ewropew tal-Lingwi?
X’inhu l-Jum Ewropew tal-Lingwi? |
Is-Sena Ewropea tal-Lingwi 2001, organizzata bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea, irnexxielha tinvolvi miljuni ta’ nies minn 45 pajjiż parteċipant. L-attivitajiet tagħha ċċelebraw id-diversità lingwistika fl-Ewropa u ppromwovew it-tagħlim tal-lingwi.
Wara s-suċċess tas-Sena tal-Lingwi, il-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li ta’ kull sena fis-26 ta’ Settembru kien se jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Lingwi. L-għanijiet ġenerali tal-Jum Ewropew tal-Lingwi huma:
- Li l-pubbliku jkun konxju tal-importanza tat-tagħlim tal-lingwi u tad-diversifikazzjoni tal-firxa tal-lingwi li jiġu mgħallma sabiex jiżdied il-multilingwiżmu u l-fehim interkulturali;
- Li tiġi promossa d-diversità lingwistika u kulturali rikka tal-Ewropa, li trid tiġi ppreservata u mrawma;
- Li jitħeġġeġ it-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja, fl-iskola u barra minnha, sew hux għall-iskop ta’ studju, għal ħtiġijiet professjonali, għall-finijiet ta’ mobilità jew inkella għall-pjaċir u l-iskambji.
Is-26 ta’ Settembru 2021 kien l-20 anniversarju tal-Jum Ewropew tal-Lingwi (JEL) iċċelebrat fil-Kunsill tal-Ewropa u fis-46 stat membru tiegħu.
GĦAL MIN HU L-JUM EWROPEW TAL-LINGWI?
Il-Kunsill tal-Ewropa jittama li dan il-Jum jiġi ċċelebrat kemm mill-awtoritajiet fl-istati membri tiegħu kif ukoll mill-imsieħba potenzjali fil-livelli li ġejjin:
- fost dawk inkarigati li jfasslu l-politiki (miżuri speċifiċi jew diskussjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ politika lingwistika, pereżempju);
- fost il-pubbliku ġenerali (sensibilizzazzjoni dwar l-objettivi ġenerali tal-Jum, inkluża l-importanza tat-tagħlim tal-lingwi tul il-ħajja, li jibda minn kwalunkwe età, fl-istabbilimenti edukattivi, fuq ix-xogħol, eċċ.);
- fis-settur tal-volontarjat (azzjonijiet speċifiċi minn u/jew għal NGOs, assoċjazzjonijiet, kumpaniji, eċċ.).