Għaliex Jum Ewropew tal-Lingwi?

Qatt ma kien hemm daqstant opportunitajiet biex naħdmu jew nistudjaw f’pajjiż Ewropew ieħor, iżda n-nuqqas ta’ kompetenza lingwistika xxekkel lil bosta milli jieħdu vantaġġ minnhom.

Il-globalizzazzjoni u x-xejriet tas-sjieda tan-negozju jfissru li kulma jmur, iċ-ċittadini jkollhom bżonn ħiliet f’lingwi barranin biex ikunu jistgħu jaħdmu f’pajjiżhom stess. L-Ingliż biss m’għadux biżżejjed.

L-Ewropa hija għanja fil-lingwi — hemm aktar minn 200 lingwa Ewropea u hemm ħafna aktar lingwi oħrajn li jitkellmuhom iċ-ċittadini li għandhom il-familja li toriġina minn kontinenti oħrajn. Din hija riżorsa importanti li għandna nirrikonoxxuha, nużawha u ngħożżuha.

It-tagħlim tal-lingwi jgawdu minnu kemm iż-żgħażagħ kif ukoll l-anzjani – qatt m’inti anzjan wisq biex titgħallem lingwa u biex tgawdi l-opportunitajiet li din tiftaħlek il-bieb għalihom. Anke jekk taf biss ftit kliem tal-lingwa tal-pajjiż li tkun qed iżżur (pereżempju fuq btala), dan jippermettilek tagħmel ħbieb u kuntatti ġodda.

It-tagħlim tal-lingwi ta’ nies oħrajn huwa mod li jgħinna nifhmu lil xulxin aħjar u negħlbu d-differenzi kulturali ta’ bejnietna.

Objettivi

Il-ħiliet lingwistiċi huma neċessità u dritt ta’ KULĦADD — dan huwa wieħed mill-messaġġi ewlenin tal-Jum Ewropew tal-Lingwi.

L-għanijiet ġenerali huma li titqajjem kuxjenza dwar:

  • Id-diversità lingwistika rikka tal-Ewropa, li għandha tiġi ppreservata u msaħħa;
  • il-ħtieġa li tiġi diversifikata l-firxa ta’ lingwi li n-nies jitgħallmu (biex jinkludu lingwi li jintużaw inqas), li twassal għall-multilingwiżmu;
  • il-ħtieġa li n-nies jiżviluppaw ċertu livell ta’ profiċjenza f’żewġ lingwi jew aktar biex ikunu jistgħu jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom fiċ-ċittadinanza demokratika fl-Ewropa.

... il-Kumitat tal-Ministri ddeċieda li jiddikjara Jum Ewropew tal-Lingwi li jiġi ċċelebrat fis-26 ta’ Settembru kull sena. Il-Kumitat irrakkomanda li l-Jum jiġi organizzat b’mod deċentralizzat u flessibbli skont ix-xewqat u r-riżorsi tal-Istati Membri, u b’hekk ikunu jistgħu jiddefinixxu aħjar il-mod ta’ kif huma jorganizzawh, u li l-Kunsill tal-Ewropa jipproponi tema komuni kull sena. Il-Kumitat tal-Ministri jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tingħaqad mal-Kunsill tal-Ewropa f’din l-inizjattiva. Wieħed jittama li l-Jum jiġi ċċelebrat bil-kooperazzjoni tal-imsieħba rilevanti kollha.

Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa, Strasburgu (776 laqgħa — 6 ta’ Diċembru 2001)