Kif tipparteċipa?

Hemm għadd kbir ta’ modi kif tista’ tiċċelebra l-Jum Ewropew tal-Lingwi skont il-ħin u l-mezzi li għandek disponibbli.

Dawn jibdew minn affarijiet sempliċi (bħal li torganizza serata taċ-ċinema li fiha jintwerew films f’lingwi differenti, jew każin tal-lingwi li jservi speċjalitajiet minn għadd ta’ pajjiżi), għal dawk li jużaw aktar riżorsi (bħal attivitajiet kbar għall-media). Il-Kalendarju tal-avvenimenti jelenka l-attivitajiet kollha li ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-JEL mill-2002 u huwa sors għani ta’ ideat. Hemm ukoll għażla rappreżentattiva fuq il-paġna li jisimha “ispira ruħek”.

Kbar jew żgħar, il-prinċipju huwa sempliċi...:

  1. Ibda b’idea tajba (attività bħal festa, kompetizzjoni, ikla)
  2. organizzaha, ippromoviha
  3. daħħal l-attività fid-database tagħna, u
  4. wettaq l-idea tiegħek!

Organizzazzjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi
Il-Kunsill tal-Ewropa ma joħroġx direttivi (jew appoġġ finanzjarju) biex jiġu organizzati l-attivitajiet. L-Istati Membri u s-sħab potenzjali huma ħielsa li jorganizzaw l-attivitajiet kif jixtiequ, bl-għan li jkollhom l-akbar flessibbiltà biex jimplimentaw il-Jum.

“Relays Nazzjonali”
Fil-maġġoranza tal-pajjiżi jkun hemm persuna li tieħu fuqha r-rwol ta’ “relay” bejn l-organizzaturi tal-avvenimenti u l-Kunsill tal-Ewropa fuq bażi volontarja. Dan jinvolvi wkoll it-tixrid ta’ informazzjoni u materjal promozzjonali prodotti mill-Kunsill fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.   

Ir-rwol tal-Kunsill tal-Ewropa
Il-Kunsill tal-Ewropa waqqaf il-Jum u kull sena jibgħat posters, stikers u materjal promozzjonali ieħor li juru d-diversità tal-lingwi fl-Ewropa. Il-materjali jitqassmu fuq bażi ċentralizzata lir-relays nazzjonali li huma responsabbli għad-distribuzzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-organizzaturi tal-avvenimenti tal-JEL.