Fatti dwar il-lingwa

Kont taf li...?

01 Hemm bejn 6,000 u 7,000 lingwa fid-dinja — mitkellma minn seba’ biljun persuna maqsuma f’189 stat indipendenti.

02 Hemm madwar 225 lingwa indiġena fl-Ewropa — madwar 3% tat-total dinji.

03 Il-biċċa l-kbira tal-lingwi tad-dinja huma mitkellma fl-Asja u fl-Afrika.
 

04 Mill-inqas nofs il-popolazzjoni tad-dinja hija bilingwi jew plurilingwi, jiġifieri n-nies jitkellmu żewġ lingwi jew aktar.

05 Fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, l-Ewropej qed jiltaqgħu dejjem aktar ma’ lingwi barranin. Hemm bżonn li jiġi ġġenerat interess akbar fil-lingwi fost iċ-ċittadini Ewropej.

06 Ħafna lingwi għandhom 50,000 kelma jew aktar, iżda kelliema individwali normalment jafu u jużaw biss frazzjoni tal-vokabularju totali: fid-diskors ta’ kuljum, in-nies jużaw l-istess ftit mijiet ta’ kliem.

07 Il-lingwi huma kontinwament f’kuntatt ma’ xulxin u jaffettwaw lil xulxin b’ħafna modi: l-Ingliż issellef kliem u espressjonijiet minn bosta lingwi oħrajn fl-imgħoddi; illum il-ġurnata, il-lingwi Ewropej qed jissellfu ħafna kliem mill-Ingliż.

08 Fl-ewwel sena tagħha, tarbija tlissen firxa wiesgħa ta’ ħsejjes vokali; ta’ madwar sena, tibda tlissen l-ewwel kliem li jinftiehem; ta’ madwar tliet snin tibda tifforma sentenzi kumplessi; ta’ ħames snin ikollha bosta eluf ta’ kliem.

09Il-lingwa materna hija normalment il-lingwa li persuna tkun taf l-aħjar u li tuża l-aktar. Iżda jista’ jkun hemm “bilingwi perfetti” li jitkellmu żewġ lingwi tajjeb indaqs. Normalment, madankollu, il-bilingwi ma jurux bilanċ perfett bejn iż-żewġ lingwi tagħhom.

10 Il-bilingwiżmu jġib miegħu ħafna benefiċċji: jagħmel it-tagħlim ta’ lingwi addizzjonali aktar faċli, itejjeb il-proċess tal-ħsieb u jrawwem il-kuntatti ma’ persuni oħra u l-kulturi tagħhom.

11 Il-bilingwiżmu u l-plurilingwiżmu jinvolvu wkoll vantaġġi ekonomiċi : l-impjiegi huma aktar faċilment disponibbli għal dawk li jitkellmu diversi lingwi, u l-kumpaniji multilingwi għandhom vantaġġ kompetittiv aħjar minn dawk monolingwi.

12 Il-lingwi jiġu minn xulxin bħall-membri ta’ familja. Il-biċċa l-kbira tal-lingwi Ewropej jappartjenu għall-familja kbira Indo-Ewropea.

13 Il-biċċa l-kbira tal-lingwi Ewropej jappartjenu għal tliet gruppi wesgħin: Ġermanika, Rumanza u Slava.

14 Il-familja Ġermanika tal-lingwi tinkludi d-Daniż, in-Norveġiż, l-Iżvediż, l-Iżlandiż, il-Ġermaniż, l-Olandiż, l-Ingliż u l-Yiddish, fost l-oħrajn.

15 Il-lingwi Rumanzi jinkludu t-Taljan, il-Franċiż, l-Ispanjol, il-Portugiż u r-Rumen, fost l-oħrajn.

16 Il-lingwi Slavi jinkludu r-Russu, l-Ukrain, il-Belarussu, il-Pollakk, iċ-Ċek, is-Slovakk, is-Sloven, is-Serbjan, il-Kroat, il-Maċedonjan, il-Bulgaru u oħrajn.

17 Il-biċċa l-kbira tal-lingwi Ewropej jużaw l-alfabett Latin. Xi lingwi Slavi jużaw l-alfabett Ċirilliku. Il-Grieg, l-Armenjan, il-Georgjan u l-Yiddish għandhom l-alfabett tagħhom stess.

18 Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-Ewropa għandhom għadd ta’ lingwi reġjonali jew minoritarji — uħud minn dawn kisbu status uffiċjali.

19 Il-lingwi mhux Ewropej l-aktar użati fit-territorju Ewropew huma l-Għarbi, iċ-Ċiniż u l-Ħindi, u kull waħda għandha s-sistema ta’ kitba tagħha stess.

20Ir-Russja (148 miljun abitant) għandha bil-bosta l-ogħla numru ta’ lingwi mitkellma fit-territorju tagħha: bejn 130 sa 200 skont liema kriterji tuża.

21 Minħabba l-influss ta’ migranti u refuġjati, l-Ewropa saret fil-biċċa l-kbira multilingwi. F’Londra biss huma mitkellma madwar 300 lingwa (l-Għarbi, it-Tork, il-Kurd, il-Berberu, il-Ħindi, il-Punjabi, eċċ.).

Issa li tgħallimt tant — għaliex ma tippruvax il-kwiżż tal-lingwa?